Josephine Grima – ex Depiro player

Wara s-suċċess li qegħda tikseb fil-kampjonat B1 tal-baskitbol fl-Italja.
Irrid ngħin lil Orlando jiksbu post fil-play-offs
– Josephine Grima, plejer internazzjonali tal-baskitbol

Il-plejer internazzjonali tal-baskitbol, Josephine Grima, qegħda tikseb suċċess kbir fil-kampjonat B1 fl-Italja ma’ Orlando tant li bħalissa tinsab ukoll l-aqwa skorer ta’ din il-kategorija.

Bla dubju Grima minn dej-jem kienet plejer promettenti u d-determinazzjoni tagħha li tirnexxi waslitha biex fl-2004 fl-età ta’ 19-il sena tittanta xortiha barra minn Malta biex tilgħab professjonali.

Hija laħqet dan l-għan fil-pajjiż ġirien tagħna meta minn dejjem lagħbet fl-Italja u f’kategoriji għoljin. Iżda fl-istaġun li għadda nbiddlu xi regolamenti u Grima kellha tiġi mislufa lil Orlando fil-B1 minn Trogylos Priolo li jilagħbu fl-A1. Fl-Italja hija ddebuttat ma’ Acer Priolo fl-A1 u wara lagħbet ukoll ma’ Trogylos Priolo (A1) u Pomezia (A2).

Grima, li tilgħab bħala pivot, qegħda tikseb suċċess kbir ma’ Orlando, li ġej mill-belt ta’ Capo d’Orlando fi Sqallija, u qegħda tkun providenzjali għalihom fl-isfida tagħhom għal post fil-play-offs. Orlando jinsabu fit-tielet post.

Il-Ħadd li għadda Orlando lagħbu kontra Palermo u wara l-partita Grima ġiet mgħarrfa li telgħet fl-ewwel post tal-aqwa skorers tal-kategorija B1.

Dwar l-esperjenza tagħha ma’ Orlando, Grima qalet:

“Kuntenta u sodisfatta li qed ikolli staġun formidabbli ma’ Orlando. Issa ilni nilgħab fl-Italja mill-2004 u bla dubju l-fatt li lgħabt ma’ u kontra plejers ta’ livell għoli għenni ntejjeb il-livell u l-prestazzjonijiet tiegħi. Minbarra s-sodisfazzjon personali li nirnexxi fil-logħba li tant inħobb, irrid nirnexxi wkoll għal pajjiżi għax plejers Maltin bħali li jilagħbu barra jservu ta’ vetrina għall-plejers Maltin oħra kif ukoll għall-baskitbol lokali”.

Fil-preżent Orlando jinsabu fit-tielet post u l-għan tagħhom huwa li jikkwalifikaw għall-play-offs billi jis-piċċaw fost l-ewwel erbgħa.

“Nittamaw li nibqgħu konsistenti biex inkomplu bl-isfida tagħna għall-play-offs. Bħalissa ninsabu fit-tielet post u kuntenta li qed jkolli sehem importanti għal dan is-suċċess. Filfatt il-Ħadd li għadda wara l-logħba kontra Palermo qaluli li tlajt fl-ewwel post tal-aqwa skorers tal-kategorija u dan itini sodisfazzjon li għalkemm ġejja minn pajjiż żgħir bħal Malta kapaċi daqs plejers minn pajjiżi ikbar u iktar rinomati għal-logħba tal-baskitbol”.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>

Gallery
Subsribe to our Newsletter:
Contact Us:
Depiro Basketball Club,
Mtarfa Gymnasium,
Mtarfa, Malta
Telephone: +356 21453544
Mobile: +356 99DEPIRO / 99337476
Email: info@depirobc.com